Aqbeż għall-kontentut

Politika ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Fil-Kostituzzjoni tal-1964, Malta saret demokrazija parlamentari fil-'Commonwealth'. Ir-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit kienet ukoll ir-Reġina ta' Malta, u Gvernatur-Ġeneral kien jeżerċita awtorità eżekuttiva f'isimha, filwaqt li d-direzzjoni totali tal-pajjiż u l-kontroll tal-Gvern u l-affarijiet tan-Nazzjon kienu f'idejn il-kabinett, taħt tit-tmexxija ta' Prim Ministru Malti.

Fit-13 ta' Diċembru, 1974, il-kostituzzjoni inbiddlet, u Malta saret repubblika fil-'Commonwealth', bl-awtorità eżekuttiva mqiegħda fil-President ta' Malta. Il-President jagħżel bħala Prim Ministru lill-mexxej tal-Partit Politiku bil-maġġoranza ta' siġġijiet fil-Kamra tar-Rappreżentanti; Din hi sistema unikamerali, allura mingħajr senat.

Il-President jagħżel ukoll, wara r-rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, il-Ministri individwali li jmexxu d-dipartimenti tal-Gvern. Il-kabinett jintgħażel minn fost il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti, li hi magħmula minn 65 sa 69 membru, eletti skond il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali. L-elezzjonijiet iridu jsiru kull 5 snin. Kandidati għal siġġijiet li jitbattlu huma determinati skond il-voti ottenuti mil-kandidat fl-elezzjoni ta' qabel.

Il-Ġudikatura

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġudikatura ta' Malta hi indipendenti. Il-President, wara l-parir tal-Prim Ministru, jagħżel il-Prim Imħallef flimkien ma' 16-il imħallef ieħor . Dawn iridu jirtiraw bilfors meta jkollhom 65 sena. Teżisti qorti ċivili, qorti kummerċjali, u qorti kriminali. Fil-qorti kriminali, l-Imħallef ipoġġi flimkien ma' ġurija ta' disgħa. Il-Qorti tal-Appel tisma' appelli mill-qrati ċivili u mill-qorti kummerċjali. Il-Qorti tal-Appell Kriminali tappella għal ġudizzju lill-qorti kriminali. L-ogħla qorti, il-Qorti Kostituzzjonali, tisma' appelli fejn ikun hemm vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani, interpretazzjoniji tal-Kostituzzjoni, u l-invalidità ta' xi liġijiet. Għandha wkoll ġuriżdizzjoni fuq każijiet ta' disputi f'elezzjonijiet parlamentari u prattiċċi elettorali korrotti. Jeżistu wkoll xi qrati inferjuri preseduti minn maġistrati.

Il-Kunsilli Lokali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Att tal-Kunsilli Lokali tal-1993, (Att XV tal-1993) kien ippublikat fit-30 ta' Ġunju, 1993, u dan l-Att jaqsam lil Malta f' 54 kunsilli lokali u lil Għawdex f' 14. l-abitanti jeleġġu Kunsill Lokali kull 5 snin, bħala votanti fir-Reġistru Elettorali tal-Kunsill Lokali. L-elezzjonijiet isiru skond ir-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali, u jintuża l-vot uniku trasferibbli.

Is-Sindku hu il-mexxej tal-Kunsill Lokali, u r-rappreżentant tal-Kunsill għal kull effett taħt dan l-Att. Is-Segretarju tal-Eżekuttiv, hekk kif ikun appuntat mill-Kunsill, ikun il- mexxej eżekuttiv, amministrattiv, u finanzjarju tal-Kunsill. Kull deċiżjoni sseħħ kollettivament, flimkien ma' membri oħra tal-Kunsill. il-Kunsilli Lokali huma responsabbli għal manteniment u s-sbuħija tal-lokal, għal gwardjani lokali, ġbir ta' skart, u jmexxu l-amministrazzjoni ġenerali għall-Gvern Ċentrali, bħal ġbir ta' kiri u flus tal-Gvern, u tweġib ta' mistoqsijiet relatati mal-operat tal-Gvern.

Il-Partiti Politiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Żewġ Partiti jiddominaw il-politika polarizzata u bbilanċjata f'Malta: il-Partit Laburista (PL); Partit Laburista mmexxi mill-Priministru Robert Abela u l-Partit Nazzjonalista (PN); immexxi minn Adrian Delia.

L-Elezzjonijiet jattiraw dejjem iktar minn 90% tal-elettorat. Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija tant żgħira li persentaġġ ta' 52% hu meqjus bħala rebħa qawwija, tant li r-rebħa tal-Partit Laburista fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 tqieset bħala waħda kolossali għax ġab 55%, 36,000 vot iktar mill-PN. Qabel l-elezzjoni ta' Mejju tal-1987, il-kostituzzjoni Maltija ġiet emendata biex il-Partit li jkollu 50% tal-vot popolari ikollu l-maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, u jkun jista' jifforma gvern. Il-Partit Laburista, li dakinhar kien fil-gvern, għamel din il-proposta tal-emenda basta li l-Partit Nazzjonalista (dak iż-żmien fl-oppożizzjoni) jaqbel ma żewġ emendi oħra fil-kostituzzjoni: L-ewwel waħda tgħid li Malta hi stat newtrali u mhux alineat, u l-oħra tipprojbixxi interferenza barranija fl-elezzjonijiet.

L-Elezzjoni tal-1996 ntrebħet mill-PL b'maġġoranza ta' 8,000 vot, u dawn ħadu post in-Nazzjonalisti li kienu rebħu fl-1987 u fl-1992. Il-votanti kienu 96% tal-elettorat, bl-PL jieħu 50.72% tal-votanti, il-PN 47.8%, u l-Alternattiva Demokratika (assoċjata mal-Ħodor) 1.46%.

Fl-1998 l-MLP tilef vot fil-Parlament, u l-Prim Ministru sejjaħ elezzjonijiet bikrija. Il-PN rebaħ din l-elezzjoni f'Settembru 1998, b'maġġoranza ta'13,000 vot u kellu maġġoranza ta' ħames siġġijiet fil-Gvern. Ivvotaw 95% tal-Elettorat. Il-PN rebaħ 51.81%, l-MLP 46.97%, Alternattiva Demokratika 1.21%.

Il-PN fil-Gvern għaġġel l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, u din kienet lesta sal-2002. Referendum fuq il-kwistjoni issejjaħ f' Marzu 2003, fejn in-Nazzjonalisti u l-Alternattiva Demokratika sejħu għal "iva" filwaqt li l-Laburisti sejħu lill-partitarji biex jivvutaw "le", jinvalidaw il-vot jew ma jivvutawx. Ivvutaw 91% b' 53% jivvutaw "iva".

IL-PL ma aċċettax dan ir-riżultat bl-argument li inqas minn 50% tal-votanti reġistrati qalu "iva". Il-Parlament ġie xolt, u ġew imsejħa elezzjonijiet biex tiġi risolta l-kwistjoni. In-Nazzjonalisti ħadu 51.79% tal-vot, u l-Laburisti 47.51%. Alternattiva Demokratika ħadu 0.68%, mingħajr ebda siġġu. In-Nazzjonalisti b'hekk iffurmaw il-Gvern u setgħu jiffirmaw it-Trattat biex Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, l-Partit Laburista kiseb 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 132,426 vot f’dik li tista’ tiġi meqjusa bħala l-ikbar differenza għal diversi snin tant li bħala persentaġġi l-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%.

B’dawn il-persentaġġi kien ifisser li l-Partit Laburista kien se jkollu 37 siġġu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu 28 siġġu. Madankollu, meta l-voti bdew jiġu trasferiti, irriżulta li bħala siġġijiet il-Partit Laburista kiseb 39 siġġu u l-Partit Nazzjonalista 26 siġġu u għaldaqstant id-differenza telgħet għal 13-il siġġu. Madankollu bl-emenda kostituzzjonali li saret fl-2007, ebda partit ma jista jkollu aktar minn disa’ siġġijiet fuq l-ieħor, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jingħata erba’ siġġijiet aktar. Hekk il-Partit Laburista fil-Gvern se jkollu 39 deputat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu 30 deputat għax jiżdidulu erba’ siġġijiet. Għaldaqstant, f’din l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista rebaħ disa’ distretti – mill-Ewwel Distrett sat-Tmien Distrett u t-Tlettax-il Distrett – waqt li l-Partit Nazzjonalista rebaħ erba’ distretti, mid-Disa’ Distrett sat-Tnax-il Distrett.

Fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2017, l-Partit Laburista reġa' ġab kważi 55% u l-PN 43%.

Isem tan-nazzjon :
Isem twil konvenzjonali: Repubblika ta' Malta
Isem qasir konvenzjonali: Malta

Kodiċi informatiku: MT

Tip ta' gvern: Demokrazija Parlamentari

Kapitali: Valletta

Diviżjonijiet amministrattivi: Malta hi maqsuma fi 68 kunsill lokal elett, b'kull kunsill responsabbli għal amministrazzjoni ta' bliet u reġuni b'qisien differenti. Ir-responsabbiltà amministrattiva hi maqsuma bejn il-Kunsilli Lokali u l-Gvern ċentrali, fil-Belt Valletta.

Indipendenza: 21 ta' Settembru 1964 (Mir-Renju Unit)

Festi nazzjonali: Jum il-Ħelsien, 31 ta' Marzu (1979); Sette Giugno, 7 ta' Ġunju; Jum il-Vitorja, 8 ta' Settembru; Jum l-Indipendenza, 21 ta' Settembru (1964); Jum ir-Repubblika, 13 ta' Diċembru (1974)

Kostituzzjoni: Kostituzzjoni tal-1964 amendata fl-13 ta' Diċembru 1974

Sistema ġuridika: Il-Liġijiet ta' Malta huma bbażati fuq il-Liġijiet Komuni Ingliżi, u fuq il-Liġijiet Ċivili Rumani; Malta aċċettat il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati Internazzjonali tal-Ġustizzja, b'xi riservi.

Suffraġġ: 18-il sena; universali

Eżekuttiv:
Kap tal-Istat: George Vella (mill-4 t' April 2019)
Kap tal-Gvern: Prim Ministru Robert Abela (mit-13 ta' Jannar 2020)
Kabinett: Kabinett magħżul mill-President, fuq parir mill-Prim Ministru.
Elezzjoni tal-President: President elett mill-Kamra tad-Deputati għal 5 snin; wara l-elezzjoni, il-mexxej tal-Partit fil-maġġoranza (fl-aħħar elezzjoni, maġġoranza relattiva) jew tal-Koalizzjoni tal-maġġoranza jittella' bħala Prim Ministru mill-President għal ħames snin; il-Prim Ministru jagħti parir lill-President fuq l-għażla tal-viċi Prim Ministru.

Leġiżlattiv: Kamra tad-Deputati unikamerali (is-soltu 65 siġġu; nota - jingħataw siġġijiet lil min għandu l-maġġoranza ta' voti imma mhux ta' siġġijiet; total t'issa: 69 siġġu; il-membri jittellgħu f'elezzjonijiet, fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali u jservu 5 snin)
Elezzjonijiet ġenerali: L-aħħar li seħħu 3 ta' Ġunju 2017 (li jmiss - 2022)
Riżultati tal-aħħar elezzjoni: Perċentwali - PN 43%, MLP 55%, AD 1.8%. Siġġijiet - PN 26( +4 = 30), PL 39, AD - 0

Ġudikatura: Qorti Kostituzzjonali, imħallfin jintgħażlu mill-President fuq parir mill-Prim Ministru; Qrati tal-Appell, imħallfin jintgħażlu mill-President fuq parir mill-Prim Ministru;

Partiti politiċi u mexxejja:


Parteċipazzjoni f'organizzazjonijiet internazzjonali: C, CCC, CE, EBRD, ECE, EU (member from 1 May 2004), FAO, G-77, IAEA, IBRD, ICAO, ICC, ICFTU, ICRM, IFAD, IFRCS, ILO, IMF, IMO, Inmarsat, Intelsat, Interpol, IOC, IOM (osservatur), ISO (korrispondent), ITU, NAM, OPCW, OSCE, PCA, UN, UNCTAD, UNESCO, UNIDO, UPU, WCL, WHO, WIPO, WMO, WToO, WTrO

Deskrizzjoni tal-bandiera: Żewġ faxex indaqs ta' abjad (naħa tal-lasta) u aħmar; fir-rokna ta' fuq tan-naħa tal-lasta hemm rappreżentazzjoni tal-George Cross, b'burdura ħamra.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]